Training Kits Ġodda

B’finanzjament taħt l-iskema tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPs) amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, tfal u żgħażagħ attivi fl-iSpecial Olympics se jgawdu minn training kits ġodda li se jkunu jistgħu jutilizzawhom matul ix-xhur li ġejjin.

Dawn it-training kits kienu ppreżentati lil għexieren ta’ tfal u żgħażagħ mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli u minn mart il-Prim Ministru Michelle Muscat bħala l-President tal-iSpecial Olympics u Chair tal-Fondazzjoni Marigold.

F’intervent li għamlet, il-Ministru Helena Dalli enfasizzat il-bżonn li bħala pajjiż inkomplu ninvestu fis-saħħa ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ. Qalet li apparti li joffri rikreazzjoni u ferħ, huwa ta’ sodisfazzjon meta tara lil dawn it-tfal u żgħażagħ jiksbu r-riżultati permezz tal-isport.

“Irridu narawkom attivi u tkomplu tipparteċipaw fis-soċjetà biex tilħqu l-potenzjal kollu tagħkom,” qalet Dr Dalli.

Mrs Michelle Muscat, President ta’ Special Olympics u Chair tal-Fondazzjoni Marigold irringrazzjat lill-Ministru Helena Dalli tal-appoġġ li dejjem tagħti lill-iSpecial Olympics u tal-fondi li ser imorru biex l-atleti jkunu aktar motivati sabiex ikomplu jimxu ’l quddiem.

Is-Sinjura Muscat irringrazzjat lill-voluntiera tas-sapport kontinwu u lil Special Olympics talli użaw dawn il-fondi biex minnhom igawdu direttament l-atleti.